Categories

EkoSkola

Ekoskola logo

Ix-xogħol tal-Kumitat Eko Skola

It-Tnejn 23 ta’ Marzu 2015

Nixtiequ nieħdu ftit mill-ħin tagħkom sabiex ninfurmawkom dwar il-ħidma li wettaq il-kumitat EkoSkola fl-aħħar sentejn.

Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-iskola tagħna qed tipparteċipa fil-programm Eko Skola. Permezz ta’ dan il-programm aħna l-istudenti nistgħu niddiskutu u nieħdu deċiżjonijiet sabiex intejbu l-ambjent ta’ madwarna speċjalment dak tal-iskola. Bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħna favur l-ambjent, l-iskola ingħatat il-Green Flag – ċertifikat rikonoxxut internazzjonalment li juri li bħala skola qegħdin naħdmu favur edukazzjoni għal-żvilupp sostenibbli.

Sabiex nibdew naħdmu, is-sena li għaddiet saret elezzjoni sabiex jintgħażlu l-membri li se jirrappreżentaw lill-istudenti fil-kumitat ta’ Eko Skola. Il-membri tal-kumitat jiltaqgħu b’mod regolari sabiex jitkellmu dwar kif jistgħu jagħmlu l-ambjent isbaħ u aħjar. Huma jieħdu ħsieb li dak li niddiskutu jasal għand l-istudenti u l-għalliema kif ukoll għandkom il-ġenituri sabiex kulħadd jaħdem flimkien għall-ġid tal-ambjent.

L-ewwel biċċa xogħol kienet li dorna madwar l-iskola u rajna x’inhuma dawk l-affarijiet li hemm bżonn nirranġaw u dawk l-affarijiet tajbin li konna qed nagħmlu u li għandna nibqgħu nagħmluhom. Wara dan iddeċidejna liema kienu dawk l-affarijiet li se naħdmu fuqhom u għamilna Action Plan li minnha ħriġna l-Eco Code – Sett ta’ regoli li se nimxu fuqhom.

Fost l-affarijiet li ħdimna fuqhom insemmu dawn li ġejjin:

  • Ħeġġiġna lill-istudenti kollha sabiex iġibu pjanta mid-dar sabiex bihom insebbħu l-kurituri tal-iskola. Dawn il-pjanti qed jieħdu ħsiebhom l-istudenti stess u jsaqquhom bl-ilma tal-ġibjun tal-iskola.
  • Organizzajna Water Week f’Ottubru li fiha saru numru ta’ attivitajiet mill-għalliema dwar l-użu għaqli tal-ilma.
  • Saret Pygama Day biex permezz tagħha jinġabru fondi biex ikunu jistgħu jinxtraw il-press taps biex jitwaħħlu fuq is-sinkijiet tal-iskola kollha. Minn din l-attivita’ ġbarna 300 Ewro.
  • Bgħatna ittre lill-ġenituri kollha b’informazzjoni dwar kif fid-dar ukoll nistgħu nibżgħu għall-ilma.
  • Għamilna numru ta’ bookmarks b’messaġġi dwar kif ma naħlux ilma li nxtraw mill-istudenti tal-iskola.
  • Bħala kumitat iddeċidejna li nieħdu sehem fil-kampanja Catch the Drop li permezz tagħha nitgħallmu aktar kif nibżgħu għall-ilma.
  • Bħala parti mill-kampanja Catch the Drop saru żewġ rappreżentazzjonijiet teatrali għall-istudenti b’tagħlim dwar kif nistgħu nużaw l-ilma b’mod għaqli u nevitaw il-ħela. Saru wkoll lezzjonijiet minn żewġ voluntiera mill-bank HSBC dwar kif nibżgħu għall-ilma.
  • Peress li l-flus miġbura ma kinux biżżejjed biex jinxtraw il-press taps, bħala parti mill-kampanja Catch the Drop, applikajna sabiex ningħataw aktar fondi biex dan il-proġett ikun jista’ jsir. Bi pjaċir nixtiequ ngħarrfukom li l-proposta tagħna ntlaqgħet u għalhekk ser ningħataw il-flus biex dan il-proġett jitlesta. Nistennew li jagħtuna d-dettalji ta’ kif ser isir ix-xogħol.
  • Waħħalna stikers b’messaġġ biex nibżgħu għall-ilma fuq is-sinkijiet kollha tal-iskola inkluż dawk li hemm f’xi klassijiet.
  • Wara ħafna talbiet min-naħa tal-Kap tal-iskola biex titnaddaf ir-roqgħa ħamrija fejn se nagħmlu l-Wildlife Garden li ma swew għal xejn, iddeċidejna li nxammru l-kmiem aħna stess u nagħmlu t-tindif sabiex inkunu nistgħu nibdew inħawlu l-pjanti indiġeni Maltin. Il-ġimgħa ta’ wara sar xogħol mill-ġardinara u l-ħaddiema tal-kulleġġ biex kompla nqata’ l-ħaxix u sar il-passaġġ biż-żrar.

Pero’ wara li kkonsultajna mas-Sur Victor Falzon – il-persuna li ppjana l-proġett – ser ikollna nistennew sa Novembru sabiex inkunu nistgħu inħawlu peress li issa jkun għadda ż-żmien biex isir dan ix-xogħol u l-pjanti li nħawlu issa aktarx li jmutu matul ix-xhur sħan tas-sajf.

Azzjoni oħra li s’issa għadha ma ġietx indirizzata hija t-tneħħija tal-lasti tal-ħadid li hemm fil-ħamrija fil-bitħa tal-iskola. Barra li qed ikerrhu l-bitħa jistgħu ukoll ikunu ta’ periklu. Wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni biex dawn jitneħħew.

Nixtiequ wkoll li fis-sular ta’ fuq ikollna aktar cork boards fil-kurituri sabiex l-għalliema jkunu jistgħu jesebixxu x-xogħol tal-istudenti. Peress li mhemmx fejn dan isir ħafna mix-xogħol li jagħmlu l-istudenti jispiċċa ma jiġi esebit qatt.

Dan ix-xogħol kollu li għamilna s’issa u li għad fadlilna x’nagħmlu qed nagħmluh biex fl-iskola fejn niġu nitgħallmu naraw ambjent isbaħ u aħjar. Hekk nitgħallmu biex anke fid-dar u kull fejn inkunu nibżgħu għall-ambjent. Ix-xewqa tagħna hi li wara dan ix-xogħol kollu niġu ppremjati permezz tal-Green Flag għat-tieni darba u b’hekk nikkonfermaw għal darb’oħra li fl-iskola tagħna ħdimna lkoll flimkien sabiex l-ambjent ta’ madwarna inħalluh aħjar milli sibnieh.

Leave a Reply