Categories

Il-programm EkoSkola fl-iskola tagħna

Is-sena li għaddiet (2011-2012), l-iskola tagħna applikat sabiex taddotta l-programm EkoSkola. Dan il-programm, immexxi f’Malta minn Nature Trust, għandu l-għan li jagħti ċans lill-istudenti jsemmgħu leħinhom u jieħdu deċiżjonijiet għaqlin sabiex itejbu l-ambjent ta’ madwarhom.

L-ewwel pass f’dan il-programm kien li jinħatar kumitat tal-EkoSkola. Ġiet organizzata elezzjoni fil-klassijiet mill-ewwel sas-sitt sena sabiex l-istudenti jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom f’dan il-kumitat. Il-membri li jiffurmaw il-kumitat huma: Jonathan Borg u Rudy Sammut (is-sitt sena), Michele Vella u Victoria Vella (il-ħames sena), Jake Zahra u Benjamin Borg (ir-raba’ sena), Alessandro Agius u James Falzon (it-tielet sena) u Hannah Obra u Erika Fabri  (It-tieni sena). . Flimkien mal-istudenti jattendu għal-laqgħat Ms. Julie Grech u Mr Paul Rapa. Il-laqgħat isiru kull nhar ta’ Ħamis.

Ix-xogħol li kien imiss imbagħad kien li l-membri jduru mal-iskola u jaraw liema huma dawk l-affarijiet li jeħtieġ jaħdmu fuqhom. Dan jissejjaħ Environmental Review. Minn dan ir-Review l-istudenti ħolqu Pjan ta’ Azzjoni li fih inkludew dawk l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex jitjieb l-ambjent  tal-iskola u dak fil-komunita’. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni ġie wkoll inkluż fl-iSchool Development Plan. Inħoloq Eco Code li jfiehem lill-istudenti dak li qed naħdmu għalih. Dan l-Eco Code sar permezz ta’ kanzunetta miktuba mis-Sinjura Rita Debono, eks-għalliema fl-iskola tagħna. Din il-kanzunetta titkanta mit-tfal kollha kull nhar ta’ Ġimgħa waqt il-Green Assembly.

L-għalliema wkoll ġew involuti fil-programm. Huma wrew entużjażmu kbir sabiex iħeġġu lill-istudenti jieħdu sehem f’kull inizjattiva li jipproponi l-kumitat. Barra minn hekk huma qegħdin jinkludu ħafna mit- temi ambjentali li nkunu qegħdin naħdmu fuqhom fil-lezzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk għal ħafna mill-krafts li jsiru fil-klassijiet jintuża materjal riċiklat.

Il-kumitat ħa diversi inizjattivi li kollha taw il-frott mixtieq. Bdejna billi qassamna borża griża f’kull klassi sabiex nibdew nisseparaw il-karta u l-plastic. Dawn imbagħad jitbattlu f’bins apposta. Għamilna kampanja sħiħa sabiex nibżgħu għall-karti u ma naħlux. L-istudenti tal-iskola għamlu posters dwar dan u twaħħlu madwar l-iskola. Bdejna wkoll nagħmlu l-kompost minn skart organiku li jinġieb mid-dar mit-tfal. Hawnhekk nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-ġenituri li fehmu l-importanza ta’ din l-attivita’ sabiex innaqqsu l-iskart u kkontribwew sabiex din l-attivita’ tirnexxi. Tant kien hemm interess li f’inqas minn tliet ġimgħat l-istudenti mlew compost bin ta’ tletin litru.

Dan kollu jagħmlilna kuraġġ sabiex bħala kumitat u bħala skola nkomplu naħdmu sabiex jekk Alla jrid fl-aħħar ta’ din is-sena mhux biss ikollna skola b’ambjent sabiħ u nadif, imma wkoll jirnexxielna nieħdu l-unur tal-Green Flag.

Leave a Reply