Categories

Nagħmlu l-kompost!

Waħda mill-azzjonijiet li l-kumitat ta’ Eko Skola xtaq li ssir hija li nibdew nagħmlu l-kompost fl-iskola. Din l-attivita’ kienet diġa’ bdiet issir xi snin ilu imma kienet waqfet. Għalhekk l-istudenti tal-kumitat ta’ Eko Skola ħassew il-ħtieġa li nerġgħu nibdew inħeġġu lill-istudenti sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom biex fl-iskola nerġgħu nibdew nagħmlu l-kompost.

Il-kompost huwa l-fdalijiet ta’ skart organiku, jiġifieri qxur ta’ frott u ħaxix, karti, ċana, zkuk, weraq u anke boroż tat-te’. Meta nagħmlu l-kompost inkunu qed ngħinu sabiex innaqqsu mill-iskart li jintrema fil-miżbliet u barra minn hekk inkunu qegħdin nirriċiklaw ukoll. Wara li jiddekomponi, dan l-iskart organiku jitferrex fuq il-ħamrija u jagħtiha ħafna sustanzi sabiex il-pjanti u s-siġar imħawlin fiha jikbru aktar b’saħħithom.

Minbarra li jitfgħu il-qxur tal-frott li jġibu magħhom għal-lanċ, l-istudenti bdew ukoll iġibu mid-dar il-qxur tal-ħaxix li jkun intuża għat-tisjir. B’hekk b’din l-attivita’ ilħaqna wkoll il-familji tal-istudenti tal-iskola tagħna sabiex din id-drawwa li nnaqqsu u nirriċiklaw l-iskart tidħol fid-djar tal-istudenti wkoll.

L-istudenti tal-kumitat qegħdin ukoll iżommu rekord ta’ kemm studenti jġibui skart organiku għall-kompost. Meta jkollna Green Assembly nhar ta’ Ġimgħa il-klassi li tkun ikkontribwiet l-aktar tingħata ċertifikat.

Fil-klassijiet jinżammu wkoll graphs tal-għadd ta’ studenti li jġibu skart organiku li jistgħu jintużaw ukoll fil-lezzjonijiet tal-Matematika.

Leave a Reply